L-avventura li jmiss se tieħu lil Luke l-Amerka
Written by 103 on February 3, 2022
L-aspirazzjoni ta’ Luke Chappell hija li jmur l-Amerka biex ikompli jaħdem ma’ Sony fuq il-mużika oriġinali tiegħu. Dan ingħad waqt il-programm Sunday’s Brunch ma’ Ephrom. Luke kien il-mistieden speċjali fuq dan il-programm.
Luke stqarr li dan se jkun pass diffiċli ħafna għalih minħabba li se jkollu jħalli l-familja u lil sħabu warajh. Hu qal li dan kollu ilu tliet snin jaħdem għalih, iżda l-mument li jasal l-Amerka se jkollu bżonn isib xogħol temporanju sakemm isib saqajh. Qal li konxju li se jkun totalment waħdu u sakemm jagħmel ħbieb ġodda jaf tkun xi ftit jew wisq diffiċli għalih.
Żvela li bħalissa qed ilestu u jaħdmu fuq kemm jista’ jkun proġetti ħalli kif jasal iż-żmien biex jitla’ l-Amerka jkollu kollox f’postu. Qal li qed jipprova joħloq kemm jista’ jkun kuntatti ma’ nies differenti biex kif jasal hemm ikun jista’ jaqbad jaħdem magħhom ukoll. Luke qal li probabbilment se jkun qed jitlaq minn Malta wara l-istaġun tas-sajf li ġej.
Ara l-filmat tal-intervista minn hawn:
Sunday’s Brunch ma’ Ephrom jittella’ kull ġimgħa fid-9am. Miegħu fl-istudio Ephrom ikollu artist/i lokali differenti, fejn magħhom jiddiskuti diversi suġġetti kurrenti mix-xena tad-divertiment.